Saturday, 14 April 2012

L-Orizzont: L-“inċident tal-lesbjani” fil-Ħamrun - Xhud tgħid li tfajla minnhom qalgħet daqqa ta’ ras

http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=88954
11.4.2012 (?)

Erba' tfajliet ilbieraħ irrakkontaw fil-Qorti tal-Maġistrat x'raw u x'semgħu fl-inċident fil-Ħamrun li fih żewġ tfajliet lesbjani kellhom xi jgħidu ma' żewġ ġuvintur u omm wieħed minnhom. Skont waħda mix-xhieda, waħda mil-lesbjani qalgħet daqqa ta' ras mingħand wieħed mill-ġuvintur.

Tnejn mit-tfajliet li xehdu huma ħbieb tat-tfajliet involuti fl-inċident, oħra tiġi l-maħbuba ta' wieħed mill-ġuvintur, u l-oħra z-zija tal-ieħor. Xeh det ukoll omm waħda miż-żewġ tfajliet akkużati, li anke esebiet ritratti tal-ġrieħi li ġarrbet minnha, u tabib li ċċertifika l-ġrieħi li sofriet waħda mit-tfajliet.

Iż-żewġ tfajliet akkużati għandhom 17-il sena waqt li l-ġuvintur għandhom 19 u 17-il sena, bl-omm għandha 35 sena.

L-ewwel ma xehdet kienet tfajla ta' 16-il sena li spjegat kif hija u ħabiba tagħhom kienu qegħdin jiżfnu ħdejn 'gazebo' fil-Ħamrun waqt li ż-żewġ tfajliet akkużati, li huma ħbieb tagħhom, kienu bilqiegħda.

F'gallarija viċin kien hemm żewġ ġuvintur, żewġ tfajliet u mara, li bdew iwaqqgħuhom għaċ-ċajt u wieħed minnhom għajjar liż-żewġ tfajliet akkużati "lesbjani" b'waħda minnhom tirrispondih lura bil-frażi "pufta".

Kien f'dan il-ħin li l-ġuvni niżel isfel u qal lil dik li għajritu li huwa ma jiddejjaq xejn jagħti lil xi mara u li kien lest idaħħak biha. Imbagħad mar fuq tfajla oħra u għamel idejh ma' wiċċha u anke mbotta lit-tfajla akkużata l-oħra. Hawn reġgħet daħlet dik li għajritu u t-tnejn li huma ġew fl-idejn fejn anke waqgħu t-taraġ.
Skont ix-xhud, waħda mill-akkużati kellha wiċċu kollu demm waqt li l-oħra weġġgħet f'sieqha. Imbagħad ġew il-pulizija u hija telqet minn fuq il-post.
Xehdet ukoll tfajla ta' 14-il sena li wkoll hija ħabiba taż-żewġ akkużati tfajliet u li dak il-ħin kienet magħhom. Hija wkoll qalet li wieħed mill-ġuvintur akkużati għajjar lit-tfajliet "lesbjani" u dik li għajritu "pufta" qaltlu li mill-gallarija kien qed jagħmel l-arja.

Bħat-tfajla l-oħra hija rrakkontat kif il-ġuvni niżel isfel u waqt li qal li ma jiddejjaqx jerfa' jdejh fuq mara, sostniet li ta daqqa bir-ras lit-tfajla li kellu xi jgħid magħha waqt li l-ieħor imbottaha.

Tfajla oħra li xehdet, u li għandha 15-il sena, kienet bint l-omm u allura oħt wieħed miż-żewġ ġuvintur. It-tfajla, li qiegħda f'relazzjoni mal-ġuvni l-ieħor, irrakkuntat li kienet fil-gallarija u għalkemm ma tafx min beda jgħajjar lil min sostniet li semgħet leħen ta' ġuvni jgħid "lesbjani" u leħen ta' tfajla tgħid "pufta".
Imbagħad daħlet ġewwa biex tinħasel u x'ħin ħarġet mill-kamra tal-banju u marret ħdejn il-gallarija rat lill-maħbub tagħha jiġġieled ma' waħda mit-tfajliet għalkemm ftit tas-sekondi wara qalet li ma ratux jiġġieled.

Ir-raba' tfajla li xehdet, u li għandha 19-il sena, tiġi oħt ir-raġel tal-mara akkużata fejn qalet li kienet fil-kċina u ħarġet tpejjep fil-gallarija imma ma rat xejn imbagħad reġgħet daħlet sakemm semgħet l-istorbju u meta ħarġet għal darb'oħra fil-gallarija rat lil wieħed mill-ġuvintur jiġġieled ma' tfajla.
Omm it-tfajla li allegatament għajret lil wieħed mill-ġuvintur, li toqgħod Pembroke, xehdet li dakinahr bintha ċemplitilha u talbitha tmur għaliha. Hija marret fuq il-post u sabtiha tibki u b'wiċċha minfuħ.

Hija qalet li l-pulizija qalulha biex teħodha ċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana u minn hemm it-tabib li raha qalilha biex teħodha l-Isptar Mater Dei għax seta kellha ksur f'imneħirha. L-omm xehdet li hija ħadet xi ritratti ta' wiċċ bintha u fil-fatt ilbieraħ esibithom fl-awla.

Xhud ieħor kien it-Tabib Carlo Refalo li jaħdem fl-Isptar Mater Dei u kien hu li eżamina lil din it-tfajla. Huwa qal li hija kellha grif f'wiċċha, nefħa fuq ħaddejha u oħra f'imneħirha.

Ta' min isemmi li qabel ma bdiet il-kawża l-Maġistrat Joseph Apap Bologna widdeb lill-omm li hija akkużata f'dan il-każ talli fis-seduta ta' qabel ma dehritx u talli f'dik tal-bieraħ mhux biss waslet tard imma ma ġabitx iċ-ċertifikat tal-mard. Huwa widdibha li darb'oħra kien se jsibha ħatja ta' disprezz.
Il-każ se jkompli jinstema fit-12 ta' April li ġej.

Il-prosekuzzjoni kontra l-ħames akkużati qed titmexxa mis-Supretendent Carmelo Magri waqt li l-Avukat Cedric Mifsud qiegħed jiddefendi lit-tfajliet u l-Avukati Michael Sciriha u ibnu Lucio Sciriha qegħdin jidhru għaż-żewġ ġuvintur u l-omm.

No comments:

Post a Comment