http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=70723
3.3.2011 minn Martina Vella
Mark (isem fittizju u qed jintuża biex tkun imħarsa l-identità ta' din il-persuna) iħares lejja, lest biex jgħid l-istorja tiegħu. Tkellmu mingħajr ebda diffikultà u mill-ewwel jibda jgħid tiegħu, għalkemm din hi l-ewwel darba li qatt iltqajna. Iżda f'ħajjet Mark hemm dell tqil, dejjem preżenti. Għandu sigriet li qed jaħbi mill-ġenituri tiegħu, sigriet li jista' jkollu konsegwenzi xejn sbieħ jekk jinkixef.
"Irrealizzajt li kont differenti meta kelli madwar 12-il sena, iżda ma kelli ebda ħjiel ta' x'kien għaddej fija," jgħidli. Inġenwu dwar dak li kien qed iħoss, ma kinitx tgħaddilu minn rasu li seta' kien 'gay'. Iżda s-sinjali hemm kienu. L-iskola kien iżomm ma' grupp ta' bniet, u qatt ma ħa sehem f'attivitajiet tas-subien, bħall-futbol.
Waqt li kien qed jikber sar iżjed konxju tas-sesswalità tiegħu. Kien iħossu miġbud lejn is-subien, iżda meta kellu madwar 13 għadda minn fażi 'straight'.
F'daqqa waħda l-bniet bdew jogħġbuh iżda "dik ir-relazzjoni ma damitx" jgħidlek bi tbissima. Malajr jgħidlek li l-fażi 'straight' ġrat naturali. Ma ġegħelx lilu nnifsu jħobb il-bniet biex jinbidel. Meta kien f'dak l-istadju ta' ħajtu kien jaf li jista' jkun 'gay', u dik xejn ma kien se jibdilha.
Fl-iskola sekondarja l-affarijiet ma setgħux ikunu agħar. "Kien żmien tassew ikrah," jirrifletti b'mod meqjus. Ma kien qal lil ħadd li kien omosesswali iżda malajr ittimbrawh, u bdew jibbuljawh. "Għal xi żmien lanqas kelli isem, u kont noqgħod għalihom u naċċetta dak it-trattament."
Kien tifel kwiet b'vuċi rqiqa. Student b'manjieri tajbin li qatt ma qala' nkwiet u kien ħabib mal-barranin. Jaħseb li dawn il-fatturi kollha setgħu wasslu għall-aġir ta' bbuljar. Il-fatt li l-iskola kienet tas-subien biss u l-ambjent kien goff ma għenux. L-ibbuljar ma kienx jieqaf.
"Kien hemm żmien meta anke kont noħlom li kienu qegħdin isawtuni," kompla jgħidli. Ironikament, fil-klassi tiegħu kien hemm tnejn li wkoll kienu 'gay', iżda ħadd ma kien jaqbad magħhom, u dawn issieħbu wkoll ma' dawk li kienu jibbuljawh. "U llum aħna ħbieb! Id-dinja timxi b'mod tassew stramb," jgħid bi tbissima.
Lill-ġenituri tiegħu qatt ma qalilhom xejn dwar dan kollu, u baqgħu fil-għama dwar x'kien qed jiġri lil binhom. Ma kienx għadu lest li jgħidilhom li kien 'gay'. Anke meta kellu 17, u beda jgħid lil sħabu. Il-ħsieb li jiftaħ qalbu ma' ommu u missieru kien jidher remot ħafna.
Aktar ma fetaħ qalbu ma' sħabu u sar komdu bih innifsu, ir-relazzjoni tiegħu mal-ġenituri aktar bdiet titbiegħed u titqal, sakemm wasal iż-żmien li ma kellhomx idea binhom min kien. Hu ħeba s-sesswalità tiegħu minnhom mhux għax kien iħossu mistħi, iżda minħabba s-sitwazzjoni li nqalgħet fid-dar u li laqtitu fil-fond.
Oħtu l-kbira hi lesbjana. Meta fetħet qalbha mal-ġenituri, it-tama ta' Mark li jiftaħ qalbu magħhom kienet tfarrket biċċiet. Missieru tant kien inkorlat għal oħtu li għall-aħħar sena lanqas qatt ma kellem lil bintu, tant li ċaħadha għal kollox.
Wara l-argumenti kollha li Mark ra bejn il-ġenituri u oħtu, kif seta' jġiegħel lilu nnifsu jgħidilhom li hu 'gay'? Kif seta' jagħtihom daqqa oħra wara dak kollu li kienu għadhom kemm għaddew minnu?
"Qgħadt hemm. Ħarist madwari. Smajt lill-ġenituri jiġġieldu dwarha," jgħid. "Ġesu', għaliex qed jiġrili dan kollu?" U Mark baqa' ma qalx lill-ġenituri, la dakinhar u lanqas fix-xhur ta' wara. Qed jgħix ħajja doppja. Il-ħin kollu jigdeb lill-ġenituri. Dwar fejn ikun, u dwar ma' min ikun.
"Kultant inkun nixtieq biss li l-ġenituri jikbru u jimmaturaw… u li jien ma kbirt qatt, u dik kienet tkun l-għażla tiegħi," jgħidlek. Kien hemm żmien fejn kien iħossu eqreb lejn ommu iżda llum dik qisha biss memorja fil-bogħod. "Kelli ninġibed lura, nigdeb u ngħatti kollox," jgħidli b'dispjaċir. Jammetti li maż-żmien irid jgħid lil ommu, iżda mhux lil missieru. Ommu hi inqas preġudikata, għalkemm "se tinfaqa', għax min irid li jkollu iben 'gay'?"
"Tant ġraw affarijiet f'sena," jgħid, waqt li jiftakar meta l-ewwel darba kien qal lil sħabu li hu omosesswali. "Kważi nfqajt nibki għax dik l-ewwel darba li tgħid lil xi ħadd tkun qisha ġrat xi ħaġa kbira. Iżda kif tibda, ma tkunx tista' tieqaf!" jgħidlek, waqt li jiftakar fis-serħan u ferħ li ħass meta sħabu aċċettawh u nfetaħ kapitlu ġdid f'ħajtu. Issa qed jgħix il-ħajja ta' 'gay' u kull minuta qiegħda togħġbu.
"Fi tmiem il-ġimgħa ngħix ħajja tassew 'gay'. Il-ġenituri ma jafux dwar l-istil ta' ħajja tiegħi iżda din ma żammitnix lura!" jassigurani bi tbissima. Meta joħroġ filgħaxija jagħmilha l-aktar mal-lesbjani għax jgħidli, b'ton imqareb, li rġiel 'gay' huma "orribbli u preġudikati, iżda jien mhux bħalhom."
Qalli li bħalissa qed joħroġ ma' xi ħadd, u qabel kellu xi ftit relazzjonijiet għalkemm bħalissa qed jieħu biss pjaċir bil-ħajja u jgħix il-ħajja ta' żagħżugħ bħall-oħrajn.
Jien ngħidlu li hemm ċans kbir li l-ġenituri tiegħu jsiru jafu, għax Malta hi tant żgħira. Jaqbel miegħi perfettament għax darba minnhom ltaqa' ma' wieħed minn qrabatu. "Naf x'se jiġri, u hu għalhekk li jbeżżagħni," jgħidlek, waqt li jiftakar fis-sitwazzjoni li sabet ruħha fiha oħtu.
Iżda l-intervista Mark itemmha fuq nota pożittiva. Qalli li f'dan kollu jaf li għandu l-appoġġ t'oħtu għal meta jasal iż-żmien li jgħid lill-ġenituri. "Domt xi sentejn jew tlieta biex fil-fatt għedt lil oħti, u issa ftaħt qalbi sew magħha. Inħossni qrib magħha u xortina tajba li għandna lil xulxin," jgħidlek.
L-intervista spiċċat u jiena tlaqt, bit-tama li maż-żmien Mark jafda fil-ġenituri tiegħu. Għalkemm it-triq se tkun iebsa, huma maż-żmien għad jagħtuh l-appoġġ li jixraqlu.
Bil-pressjoni biex jimxu man-normi soċjali, il-ġenituri ta' Mark ma kinux kapaċi jaċċettaw li binthom hi lesbjana. Kif se jirreaġixxu għall-orjentazzjoni sesswali ta' Mark ma nafx, iżda x'aktarx li mhix se tkun pjaċevoli.
Għażilt li nikteb dan l-artiklu għax hemm ħafna nies bħal Mark li għandhom bżonn joħorġu fil-beraħ. Jixtiequ ħafna li jafdaw fil-ġenituri tagħhom iżda jibżgħu jagħmlu hekk għax skont is-soċjetà, huma mhumiex normali.
Dan il-mod ta' ħsieb irid jieqaf. Il-Kummissjoni Ewropea ħolqot kampanja li tispira, magħrufa bħala "Ngħożżu d-diversità. Diskriminazzjoni Qatt". Hi kampanja mfassla bil-għan li turi l-aspett sabiħ fid-diversità. Dawk li huma 'gay', anzjani, ta' razza differenti jew li jipprattikaw reliġjon jew twemmin differenti għandhom dritt isemmgħu leħinhom u din il-kampanja qiegħda titmexxa biex tqajjem fin-nies kuxjenza li d-dinja hi sabiħa għax hi differenti. Id-diskriminazzjoni hi ħaġa ħażina u hemm bżonn li tintemm issa.
Martina Vella qiegħda fit-tieni sena fil-kors tal-Komunikazzjoni fl-Università ta' Malta. Bħalissa qiegħda tistudja Basic Reporting and Intercultural Communications with Psychology.
No comments:
Post a Comment