http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=66643
5.10.10 minn GABI CALLEJA, MGRM
Sur Editur,
F’artiklu ppublikat fis-27 ta’ Settembru, 2010, Kevin Mercieca ttratta s-suġġett tal-adozzjoni tat-tfal minn persuni LGBT. Għamel diversi asserzjonijiet fosthom li familja fejn il-koppja hi tal-istess sess ma tikkostitwix ambjent normali, kif ukoll li dawn il-familji jkollhom effett negattiv fuq it-tfal. Ir-riċerka qiegħda dejjem turi li dak li qal is-Sur Mercieca, fil-verità, mhux minnu. Il-fatt hu li tfal li jittrabbew f’familji fejn il-koppja hi tal-istess sess jiżviluppaw bl-istess mod ta’ tfal imrobbijin minn koppja eterosesswali. Għalkemm familji fejn il-ġenituri tal-istess sess mhumiex daqshekk komuni, ma jfissirx li l-ambjent ta’ darhom mhux normali u lanqas li wliedhom se jkunu b’xi mod żvantaġġjati.
Punti importanti li qajjimt waqt il-programm “Sfera” li għalih irrefera s-Sur Mercieca hu li dawn il-familji diġà jeżistu. Persuni LGBT m’għandhom bżonn tal-ebda leġiżlazzjoni biex isiru ġenituri. Hi dejjem deċiżjoni tal-individwu jew tal-koppja, hekk kif inhi għal persuni jew koppji eterosesswali. L-ebda stat ma jista’ jinnega din il-possibilità liċ-ċittadini LGBT mingħajr ma jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Il-kwistjoni tal-adozzjoni, l-aktar dik li nsejħu ‘second parent adoption’ hi għalhekk bżonn li toħroġ minn din ir-realtà. La l-Istat ma jistax jisterilizza lil kull persuna LGBT li tixtieq li jkollha t-tfal jew li joħroġ ‘care order’ fuq tfal imwelldin lil ġenituri LGBT sempliċement għax huma LGBT, l-unika soluzzjoni li verament tħares l-interessi tat-tfal f’din iċ-ċirkostanza hi li l-Istat jirrikonoxxi l-persuni li qed irabbu lil dawn it-tfal. Din tinvolvi li l-ġenitur mhux bijoloġiku, ikun jista’ jadotta t-tfal tal-‘partner’.
Liġi bħal din hi importanti biex tħares il-jeddijiet ta’ dawn it-tfal, kemm fil-ħajja ta’ kuljum kif ukoll f’okkażjonijiet straordinarji. Pereżempju jekk it-tfal jiġu bżonn kura medika waqt li l-ġenitur bijoloġiku jinsab imsiefer; jew anke sempliċement biex ikunu jistgħu jiġbru t-tfal mill-iskola u jattendu attivitajiet marbutin mal-edukazzjoni tat-tfal. Fil-każ li jkunu ma jifilħux, il-ġenitur mhux bijoloġiku ma jkunx intitolat għal Urgent Family Leave, għad-detriment tat-tifel jew it-tifla.
Għalhekk, waqt li kulħadd għandu dritt għal opinjoni, jekk verament nemmnu li l-interess tat-tfal jiġi l-ewwel, allura l-adozzjoni tat-tfal minn persuni LGBT hi sempliċement konsegwenza naturali tal-eżistenza ta’ dawn il-familji, bl-ebda mod kontroversjali, u li din il-leġiżlazzjoni għandha tiddaħħal illum qabel għada.
No comments:
Post a Comment