Wednesday, 27 October 2010

L-Orizzont: Propost tibdil fil-liġi dwar it-transesswali

Ħajjitna imbarazzament kontinwu – persuna transesswali
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=67108
22.10.10 minn Victor Vella

Ibda mill-iskola, u ibqa' sej­jer sa fuq il-post tax-xogħol. Tispiċċa bbuljata. Minn età pjuttost żgħira tibda tħoss li hemm xi ħaġa ħażina. Il-ġisem tibda tistkerrhu fil-veru sens tal-kelma. Tibda tevita li tħares lejn il-mera. Ikunu mumenti diffiċli u għalhekk finalment tasal biex tinbidel bijoloġikament billi ssir operazzjoni biex tibdel is-sess. Imma mbagħad f'pajjiżna Ewropew, insibu xorta problemi kbar. Trid tispiċċa tagħmel battalji legali biex jinħarġulek dokumenti li juru li inti issa mara u mhux raġel. Jiddispjaċini ngħid li jibdlulek id-dokumenti tat-twelid mhux għax veru jemmnu li inti issa mara u mhux aktar raġel, imma biex kif jgħidulna, jipproteġu d-dritt tal-privatezza u jevitawlna l-imbarazzament. Minn hawn 'il quddiem trid tiffaċċja l-problema li ma tistax tiżżewweġ lill-maħbub tiegħek. L-argumenti li jġibu kontra dan id-dritt – li għalija hu fundamentali, ma jispiċċaw qatt."

Dawn kienu l-kummenti li ngħataw lil l-orizzont minn persuna transesswali – persuni li mhumiex morda kif jaħsbu xi wħud imma huma persuni li jidentifikaw lilhom infushom mas-sess oppost minn dak li huma jitwieldu bih. Għalkemm f'Malta ma jidhirx li hawn statistika eżatta ta' kemm hawn persuni transesswali, hu kkalkulat li f'pajjiżna hawn madwar 800 persuna transesswali.

Mistoqsija dwar laqgħa li se ssir għada s-Sibt mill-Malta Gay Rights Movement (MGRM) dwar proposti għal tibdil fil-liġi biex ikunu indirizzati n-nuqqasijiet tal-liġi preżenti għat-transesswali, din il-persuna qaltilna li "naqbel mal-proposta li qed issir u se tkun diskussa biex id-dokumenti tal-persuna jkunu jistgħu jinbidlu mingħajr bżonn li wieħed jagħmel operazzjoni u li dawn ikunu jgħoddu anke għall-finijiet ta' żwieġ".

Ta' min jgħid li persuni transesswali u oħrajn interessati fis-suġġett, huma mħeġġin biex għada s-Sibt jattendu laqgħa li se ssir fil-bini tal-General Wor­kers' Union, il-Belt Valletta. Fil-laqgħa se jkun hemm preżenti l-Avukat Neil Falzon. Dan se jippreżenta l-liġi proposta u se jispjega l-implikazzjonijiet tagħ­ha. Il-laqgħa se tkun bejn nofsinhar u s-1.30 p.m.

Fost in-nuqqasijiet li din il-liġi proposta se tindirizza, hemm dik li "d-dokumenti jkunu jistgħu jinbidlu mingħajr bżonn li wieħed jagħmel ope­razzjoni, u li jkun hemm proċess ta' bdil ta' dokumenti li jsir permezz ta' proċedura amministrattiva li ma tkunx tirrikjedi każ il-Qorti." Il-liġi proposta se tkun qed tipproponi li jitneħħa l-bżonn ta' eżami mediku invażiv wara li tkun saret l-ope­razzjoni u li jkun hemm it-tibdil fid-dokumenti jfisser li l-persuna tkun effettivament bidlet is-sess tagħha anke għall-finijiet taż-żwieġ." Il-liġi proposta se tkun qed tipproponi li anke persuni miżżewwġin jkunu jistgħu jibdlu d-dokumenti tagħhom u dan mingħajr bżonn ta' annullament, separazzjoni jew divorzju.

Żwieġ biss bejn raġel u mara …iżda m'hemm ebda tifsira ta' x'jagħmel raġel u mara

Mil-lat legali f'pajjiżna naraw li l-persuni transesswali jsofru minn diskriminazzjoni kbira fejn tidħol ix-xewqa tagħhom li jiżżewġu. Mil-lat legali naraw li fejn jidħol iż-żwieġ il-liġi Maltija ma tagħtix tifsira ta' "żwieġ" imma tagħti tifsira ta' "żwieġ Kattoliku". Biss mhux kull żwieġ li l-liġi tirrikonoxxi hu żwieġ Kattoliku. Dan minħabba li l-liġi Maltija tagħraf żwieġ anke fil-forma ċivili. Imma l-liġi Maltija tagħti għarfien għal żwieġ biss jekk kemm-il darba dan isir minn raġel u mara bejniethom. L-intopp kbir li jeżisti fil-liġi Maltija hu dak li ma tingħata l-ebda tifsira ta' x'inhu li jagħmel persuna raġel jew mara għall-finijiet taż-żwieġ.

Diffiċli ħafna li transesswali tasal sal-livell post sekondarju u terzjarju

Il-persuna transesswali li tkellmet ma' l-orizzont spjegat id-diffikultajiet kbar li huma jiffaċċjaw fl-iskejjel. "Nista' ngħidlek li l-parti l-kbira tat-trans li naf, kollha ħarġu mill-iskola mal-Form 5. Fl-iskejjel tant niġu bbuljati, insultati u mweġġgħin minn sħabna stess u ġieli anke mill-għalliema, li l-iskola nibdew nobogħduha. Mhux se ssib persuni trans li komplew sal-livell sekondarju jew terzjarju. Il-Form 5 għalihom mhix tarġa għal livell ieħor edukattiv imma ssir is-sena li fiha se jeħilsu mill-martirju li jkunu għaddejjin minnu. Insemmilek biss li ftit snin ilu kien hemm każ ta' tifel ta' 14-il sena li jħoss l-elementi femminili. Ma ridux li din tintbagħat fi skola tal-bniet. Spiċċat kellha tgħaddi minn proċessi twal ta' konsulenzi ma' psikjatri, u psikoloġi biex joħroġ ċertifikat importanti li jikkonferma l-identità tagħha bħala transesswali."

Ma tistax ma tistaqsihiex fuq it-trattament fuq il-post tax-xo­għol u hi tgħid, "ifhimni ma tesperjenzax dak li tkun esperjenzajt l-iskej­jel. Fuq il-post tax-xogħol aktar sottili. Imma tinduna li jżommuk 'il bogħod minn kuntatt man-nies. Li jdejjaqni hu li kien hemm ċerti sidien li riedu li persuni trans jibqgħu jilbsu l-istess bħal qabel, allavolja kienu fil-proċess li jagħ­m­lu l-operazzjoni. Li ngħid jien hu li t-trans trid tagħmillu ambjent li fih iħossu komdu, ħalli jagħtik l-aħjar xogħol. Jekk persuna tkun tħossha komda bil-ġisem ta' mara u tkun trid tilbes ta' mara, ħalliha."


Daħlet l-isptar u poġġewha fis-sala tal-irġiel

L-istess persuna qaltilna li "naf persuna trans, li tgħid li anke fiżikament hi mara minħabba l-ormoni li tieħu. X'ġara meta kellha bżonn tagħmel ftit jiem fl-Isptar Mater Dei? Poġ­ġewha f'sala tal-irġiel. Din umiljazzjoni sħi­ħa, l-aktar waqt il-ħin tal-viżti tat-tobba u l-konsulenti. Fl-isptar m'hemm ebda politika dwar fejn jitpoġġew dawn il-persuni. Naħseb li din għandha tinbidel".

"Inweġġgħa b'kummenti li jagħmlu ċerti professuri…jgħidu li xorta bqajt raġel"

L-istess persuna qaltilna li "nifhem li min mhux bħalna, se jsibha diffiċli jifhimna. Ċertu lingwaġġ naħseb li wieħed irid joqgħod attent kif jagħmlu, b'mod partikolari ċerti professjonisti. Dan l-aħħar ġiet f'idi xhieda li taw fil-Qorti ċerti tobba u speċjalisti f'każ ta' persuna transesswali. Dak li qalu jweġ­ġa' ħafna lill-persuni trans. Per eżempju t-Tabib Michael Axiaq, fix-xiehda qal, li "wara operazzjoni ta' gender reassigment, persuna tkun baqgħet tal-istess sess bħal qabel. Ikun inbidel biss il-kontenut parzjali anatomiku ta' l-organi sesswali bil-kirurġija u l-kontenut kimiku tal-ormoni bil-mediċini li jridu jingħataw kontinwament".

Tgħidilna li "l-Professur Cuschieri jgħid li 'permezz tal-ope­razzjoni ta' tibdil ta' sess minn raġel għal mara, l-organi sesswali interni ma jitbiddlux u ma ssirx kostruzzjoni ta' organi interni femminili. Il-fiżiku ġene­rali jibqa' dak ta' raġel. Lanqas ma jinbidel is-sess ġenetiku – transesswaliżmu jirriżulta f'diż­gwid bejn il-perċezzjoni ta' persuna fil-forma fiżika tagħha mas-sess attwali. L-operazzjoni ta' bdil ta' sess hi biss proċedura kożmetika li tibdel biss l-organi ġenitali esterni iżda ma tibdilx u ma talterax is-sess bijoloġiku attwali tal-individwu".

No comments:

Post a Comment