Tuesday, 22 December 2009

It-Torċa: Ittra miftuħa lill-Isqfijiet...

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=8833
20.12.9
minn Midneb, Birkirkara

Għeżież Isqfijiet,

“Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.” (Lq 5, 32). Kliem Ġesù fis-sejħa tiegħU lil Levi (Mattew) biex ikun wieħed mit-tnax.

Qed nikteb din l-ittra miftuħa lill-Isqfijiet tagħna wara li fl-aħħar Ħadd ta’ Novembru smajt l-ittra pastorali tal-Avvent Imqaddes. Ħawditni mhux ħażin forsi għax fil-limitazzjoni tiegħi ma fhimtx l-ittra kollha jew xi partijiet minnha. Napprezza għaldaqstant li l-Isqfijiet jiċċaraw sew x’riedu jgħidu. Għax dak li kitbu la jirrifletti ittri pastorali li nkitbu fl-passat, partikolarment dawk bi tħejjija għall-Avvent u r-Randan, u lanqas jirrifletti dak li - nerġa’ ntenni fil-limitazzjonijiet tiegħi - fhimt li għallem u wettaq fil-prattika Ġesù.

L-ittra ħassejtha weġgħa fil-qalb ta’ dawk li spiċċaw vittma taċ-ċirkostanzi li jinsabu fihom. Weġgħa fil-qalb ta’ dawk li għandhom għatx għal Kristu iżda jħossuhom mitlufa. Jixtiequ jerġgħu lura iżda mhux faċli jsibu min verament jgħinhom jagħmlu dan biex jersqu mill-ġdid lejn il-Mulej Ġesù. Weġgħa fil-qalb ta’ persuni li ż-żwieġ tagħhom sfaxxa fix-xejn u llum - għax konvinti mill-fidi tagħhom - minkejja xewqathom, mhumiex lesti li jibnu relazzjoni ġdida għax finalment iż-żwieġ tagħhom għadu fis-seħħ.

Weġgħa fil-qalb ta’ bosta emarġinati li jixtiequ jerġgħu jiltaqgħu mal-Mulej iżda hu diffiċli għalihom. Weġgħa fil-qalb ta’ xi ħadd bħall-ambaxxatur Amerikan għal Malta li ma jħalluhx jitqarben. Weġgħa fil-qalb ta’ tant żgħażagħ li għax esprimew ruħhom inkwetati dwar il-multikulturaliżmu kienu ttimbrati u mgħajjrin razzisti minn xi membri tal-Kleru. Weġgħa fil-qalb ta’ dawk il-ġenituri fi stat ta’ koabitazzjoni imma jixtiequ jgħammdu lit-trabi tagħhhom. Weġgħa fil-qalb ta’ dawk is-single mothers li kien u insolentati fuq il-mezzi tax-xandir li tagħhom mhijiex familja. Weġgħa fil-qalb ta’ min spiċċa vittma ta’ abbużż minn saċerdoti iżda jibża’ jitkellem. Weġgħa fil-qalb ta’ persuni omosesswali.

Nemmen li l-Knisja hi konxja ta’ dawn il-persuni iżda madankollu l-Isqfijet ħarġu ittra selettiva bħal li kieku jridu joħolqu Knisja Puritana. Għaliex għażilt dan l-aġġettiv? Għax l-Isqfijiet, jew min kitbilhom l-ittra, jidher li għażlu hekk huma stess, l-aktar meta jikkwotaw lil Kristu li “ġie fid-dinja biex iġib il-firda.” Din il-kwotazzjoni saret barra mill-kuntest li fih tkellem ġesù. Skont it-tagħlim Kattoliku dan il-vers aktar kien ifisser iċ-ċaħdiet li jagħmel il-vokat biex jinfataħam mill-rabtiet familjari u l-ġid materjali ħalli jsegwi l-vokazzjoni tiegħu. żgur mela li l-iskop ta’ din l-iperbola letterarja fl-Evanġelu mhux biex issir xi selezzjoni tas-sikrana mill-qamħ. Din jagħmilha biss l-Imħallef fl-Aħħar Jum.

Ġesù lil dawn in-nies ma jwarrabhomx iżda Hu jiġri warajhom bħal meta qal lil Żakkew “isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.” (Lq 19, 5). Anke l-fatt li jsejħilna b’isimna, kif għamel lil Żakkew, huwa sinjal ta’ ħbiberija għax Hu konvint mill-għatx li aħna għandna għaliH. Il-midneb huwa msejjaħ b’ismu biss minn dak biss li huwa konvint mill-ħniena li jista’ joffrilu. Ħadd ħlief Kristu.

Ġesù jurina li l-veru wiċċ tal-Missier hu dak li kif jara l-iben il-ħali ġej mill-bogħod jitlaq hu jiġri għalih u mhux joqgħod jistennieh jiġi. U mhux hekk biss, iżda jikkoreġi b’imħabba lill-iben il-kbir li tkaża b’aġir missieru. Dan Ġesù jagħmlu minħabba l-fariżej u s-saduċej li “igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.” (Lq 19, 7). Ġesù, iżda, ma jagħtix kas “għax Bin il-Bnie-dem ġie jfittex u jsalva l-mit-luf.” (Lq 19, 10).

L-ittra pastorali fil-limitazzjoni tal-ħsieb tiegħi qiegħda tmur kontra dak li għallem u wettaq fil-prattika Ġesù. L-Isqfijiet bħal Ġesù jridu jsejħu lil Żakkewijiet biex jinżlu minn fuq is-siġra għax jeħtiġilhom joqogħdu għandhom, u mhux jindirizzaw biss b’mod speċjali lil dawk li jgemgmu bejniethom.

Eċċellenza, hijiex forsi din il-veru firda li jrid Ġesù? It-tkeċċija tad-dojoq li jilagħbuha ta’ qalbhom safja u mhux l-esklużjoni mill-Knisja tal-mi-dinbin u l-emarġinati. Iżda mhux hekk jidher li fehemuha dawk li kitbulkom il-pastorali. Dawn, bi skuża tal-pudur u r-rispett uman, bħallikieku jridu jkeċċu ’l barra mill-Knisja l-massa li qiegħda tħammril-hom wiċċhom. L-istess bħall-Ap-postli li stħaw mill-Im-għallem tagħhom għax qagħad ħdejn is-Sammaritana, għax kiel għand il-midinbin, għax issallab bejn żewġ kri-minali.

Kristu stess qal li għandu “nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wie-ħed.” (ġw 10,16).

Verament nittama li l-Isqfijiet isegwu l-parir ta’ saċerdot ieħor, Fr Joe Borg, li qal lill-Arċisqof Cremona biex il-ballun jieħdu f’saqajh. Jew inkella talanqas kunu kawti dwar min jiktbilkom l-ittri pastorali u ħallu f’idejn saċerdoti oħrajn bħal Fr Joe Borg biex jagħtuha l-aħħar titwila għax hu veru espert tal-midja u allura jaf kif għandu jitqiegħed id-diskors biex il-Knisja ma tkunx miżinterpre-tata bħalma ġralha meta ħarġet dokumenti oħrajn dan l-aħħar.

Ninsab ċert li l-iskop tagħkom, għeżież Isqfijiet, ma kienx li teskludu. Anzi bil-maqlub. Imma jiddispjaċini ngħid li hekk fehmuha ħafna nies li wara dil-pastorali ħarġu mill-knisja xxokkjati determinati li ma jersqu qatt aktar.

No comments:

Post a Comment