Tuesday, 15 April 2014

Malta Right Now: Il-liġi tal-Unjoni Ċivili approvata mill-Parlament bl-ebda vot kontra

http://www.maltarightnow.com/?module=news&at=Il-li%26%23289%3Bi+tal-Unjoni+%26%23266%3Bivili+approvata+mill-Parlament+bl-ebda+vot+kontra&t=a&aid=99855726&cid=19
L-Oppożizzjoni hija favur l-Unjoni Ċivili imma għandha riżervi dwar adozzjoni minn koppji gay
14 t' April, 2014 21:42 CET

AĠĠORNATA

Il-Parlament approva l-liġi tal-Unjoni Ċivili li permezz tagħha koppji tal-istess jistgħu jaddottaw it-tfal. Il-liġi għaddiet b'37 vot favur, ebda vot kontra u 30 astenzjoni.



Dan wara li aktar kmieni qabel il-vot l-Oppożizzjoni ddikjarat li kienet se tastjeni minħabba li filwaqt li kienet taqbel mal-liġi tal-Unjoni Ċivili, għandha riservi dwar l-adozzjoni tat-tfal.

Il-Gvern ma kellux jgħaqqad dawn iż-żewġ aspetti flimkien, sostna l-Kap tal-Oppozizjzoni Simon Busuttil.

B'mod unanimu, il-Parlament approva wkoll emenda kostituzzjonali mressqa mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg biex ma ssirx diskriminazzjoni fuq orjentazzjoni sesswali fis-soċjeta'.

Aktar kmieni...

L-Oppożizzjoni hija favur liġi li tagħti drittjiet lill-koppji tal-istess sess, iżda għandha riżervi dwar adozzjoni minn koppji gay. Għaldaqstant l-Oppożizjzoni ser tastjeni fil-vot dwar il-liġi.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta ndirizza lill-midja fil-Parlament qabel il-voti li ser jittieħdu llejla.

Simon Busuttil qal li “kieku l-liġi tal-lum kienet biss dwar l-Unjoni Ċivili, l-Oppożizzjoni kienet tivvota favur tagħha.”

Hu tenna li l-liġi tal-lum mhix dwar Unjoni Ċivili biss għax il-Gvern dehrlu li għandu jdaħħal f’din il-liġi ħaġa li m’għandiex x’taqsam mad-drittijiet tal-koppji gay. Il-Gvern inkluda l-adozzjoni tat-tfal minn koppji gay. Dwar dan, l-Oppozizzjoni għandha riżervi għax l-adozzjoni mhix dritt tal-ġenituri iżda hija kwistjoni ta’ drittijiet u interessi tat-tfal, li għandhom jiġu l-ewwel u qabel kull ħaġa oħra, l-adozzjoni messha ġiet indirizzata fil-liġi dwar l-adozzjoni u mhux fil-liġi dwar l-Unjoni Ċivili; u l-Gvern bl-ebda mod ma ħejja lis-socjetà Maltija għal dan il-pass, tant li 80% tas-socjetà qed tirreżisti l-adozzjoni tat-tfal minn koppji gay.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li kieku l-Gvern preżenta liġi dwar l-Unjoni Ċivili biss kien ikollu l-unanimita fil-vot u wara seta’ jagħti ċans għall-perjodu ta’ aġġustament qabel kien jgħaddi għall-kwistjoni dwar l-adozzjoni, sakemm is-socjetà taddatta għal din ir-realtà.

Il-Gvern li suppost li jisma’, ma semgħax, tenna Simon Busuttil. Il-Gvern mhux talli ma ħadimx għall-kunsens nazzjonali dwar din il-liġi, talli ħadem biex ma jkunx hawn kunsens. Flok jagħti valur għall-possibilità ta’ qbil, il-Gvern aktar jagħti valur għall-possibilità li ma jkunx hawn qbil. Flok jgħaqqad, il-Gvern irid jifred. Il-Gvern, bħal donnu jridna nkunu kontra din il-liġi, mhux favur, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil qal ukoll li llum il-Parlament kien ser ikun qed jivvota dwar emenda għall-Kostituzzjoni sabiex id-diskriminazzjoni a bażi ta’ orjentazzjoni sesswali tiġi projbita. Hu fakkar li din l-emenda tressqet mill-Oppożizzjoni stess. Permezz ta’ din l-emenda, għall-ewwel darba, l-orjentazzjoni sesswali se tingħata protezzjoni fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

No comments:

Post a Comment