Thursday, 17 April 2014

L-Orizzont: Editorjal: Darb’oħra fl-istorja

16.4.2014

JUM storiku ieħor kien dak tal-bieraħtlula. Wieħed minn dawk li se jibqa’ mfakkar minn issa ’l quddiem, flimkien m’oħrajn li seħħew f’din l-istess l-ewwel sena ta’ Gvern ġdid Laburista, u oħrajn minn għexieren ta’ snin ilu li Gvernijiet Laburisti preċedenti mexxew u daħħlu b’kuraġġ kbir fil-mixja ’l quddiem ta’ dan il-poplu żgħir. Bħall-ħamsinijiet u s-sebgħinijiet partikolarment, l-approvazzjoni Parlamentari favur il-Liġi tal-Unjoni Ċivili nhar it-Tnejn li għadda ma fissret xejn inqas minn hekk. Għal sezzjoni mdaqqsa fis-soċjetà tagħna, anke jekk tinsab f’minoranza, is-seduta fil-Kamra tad-Deputati fil-bidu ta’ din il-ġimgħa fissret litteralment il-bidu ta’ ħajja ġdida. Issa ma baqgħetx aktar biss it-tama ħierġa minn fjamma tnemnem ta’ xemgħa li tista’ tagħti ftit wens f’kamra li minn dejjem kienet mudlama, iżda ġie espost post fejn tneħħew il-purtieri tqal u ħoxnin li kienu laħqu saru aktar minn għamara u nfetħu beraħ twieqi u aperturi oħrajn li għal żmien twil – u anke żżejjed – kienu qegħdin jifgaw soċjetà jew parti minnha. Radd ta’ ħajr speċjali jrid imur lill-Ministru Dr Helena Dalli, li f’din l-aħħar sena kienet responsabbli, fost oħrajn, għal-Libertajiet Ċivili. F’perjodu relattivament qasir ħidmietha reġgħet ħalliet marka oħra fonda għall-ġid tagħna u l-familji tagħna mil-lum ’il quddiem. Bl-istess tifsira “mlewna” mill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat innifsu, nhar it-Tnejn intagħżel l-imgħoddi mill-ġejjieni u anke l-kliem mill-fatti.

Minkejja dan, tali suċċess ukoll kellu l-ostakli tiegħu x’jaffronta, mhux biss mill-oppożizzjoni ta’ min ġenwinament kien, għadu u forsi jippreferi jżomm mat-“tradizzjonijiet”, għax twemminu ma jiddetta xejn differenti, iżda wkoll mill-ipokrezija ta’ min jipprova jirkeb fuq il-biża’ jew id-dubju popolari bil-għan uniku ta’ xi gwadann politiku. Kif se tibqa’ tirrakkonta l-istorja politika lokali dwar x’kellhom jiffaċċjaw drittijiet ċivili 50, 60 sena ilu qabel ġew fis-seħħ, eżatt inżammet it-tradizzjoni mill-Partit Nazzjonalista li din il-ġimgħa wkoll ma qabilx li l-poplu jagħmel pass kbir u sinjifikanti ’l quddiem bħalma kien dak tal-Liġi tal-Unjoni Ċivili. Bl-istess tattika tal-biża’ u, fuq kollox, bit-tir li ma jinbagħad ma’ ħadd, il-pożizzjoni Nazzjonalista ta’ nhar it-Tnejn fil-Parlament ma kienet xejn jekk mhux pass lura minn kif kien jaħsibha sa sena ilu u kif ikkonfermaha l-eks-Kap Dr Lawrence Gonzi. 

Kif jista’ jitwemmen id-dispjaċir ta’ Dr Simon Busuttil li din il-liġi ma daħlitx qabel, meta jibqa’ jfaħħar kull deċiżjoni ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti fl-aħħar 25 sena, u allura inklużi t-terturi li kellha ssofri Joanne Cassar bħala persuna ‘transgender’. U kellha għal darb’oħra tkun il-Ministru Dalli li fi ftit ġimgħat solviet il-kwistjoni li waslet sal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem. Min se jibla’ d-diskors li l-Grupp Parlamentari tiegħu kien “kompatt” favur astensjoni, meta jista’ jkollok kollox ħlief li kulħadd jaqbel li jastjeni, sakemm mhux deċiżjoni mposta? Impożizzjoni ovvja biex tagħti impressjoni finta li l-PN mhux maqsum aktar mill-aħħar leġiżlatura. 

Sadanittant il-poplu jibqa’ miexi b’rasu ’l fuq!

No comments:

Post a Comment