http://www.newsbook.com.mt/artikli/2014/2/25/live:-l-ahhar-laqgha-dwar-l-unjoni-civili-fil-parlament.15255
Stefan Pullicino - 25/02/14 06:33 PM
Fil-Parlament illejla tlaqqa’ għat-tielet u l-aħħar darba il-Kumitat għall-konsiderazzjoni ta’ abbozzi ta’ liġi biex jiddiskuti l-liġi dwar l-unjoni ċivili.
Fi tmiem dan il-kumitat, ġie approvat minn stadju ta' kumitat l-abbozz ta' liġi li jirregola l-unjonjiet ċivili.
Din hija sekwenza kronoloġika ta' dak li ġara llejla f'dan il-Kumitat:
20.45 Jgħaddi minn stadju ta' kumitat l-abbozz ta’ liġi dwar l-unjoni ċivili.
20.29 Interveniet ukoll omm - Sue Vella - li qalet li koppji omosesswali qatt ma għandhom jingħataw id-dritt li jaddottaw it-tfal. Ippreċiżat li dan mhux għax persuni omosesswali m'humiex kapaċi jrabbu lit-tfal iżda għax dan m'huwiex fl-aħjar interess tat-tfal. Irreferiet għall-"istigma" li ssemmiet mill-Kummissarju tat-Tfal, fejn qalet li ma hemm l-ebda stigma fil-konfronti ta' dawn il-koppji omosesswali jew tat-tfal addottati minnhom. Sue Vella spjegat li kull min iffirma l-ittra li ġiet ippreżentata lill-PM, bl-ebda mod ma ried juri xi sinjal ta' diżrispett lejn persuni omosesswali. Qalet li dan ma jfissirx li għandha tinħoloq liġi li tippermetti l-formazzjoni ta' tip ta' familja ġdida. Bħala ġenitur, qalet li kull min iffirma l-ittra jaħseb li meta d-drittijiet tal-kbar u tat-tfal jiġu f'kunflitt, jemmen li d-drittijiet tat-tfal għandhom dejjem jingħataw prijorità. Minkejja li qalet li taħseb li din il-liġi diġà kienet ippjanata li tgħaddi, xorta qalet li tixtieq tirringrazzja lill-membri parlamentari ta' din l-opporunità li ngħatat biex tesprimi l-fehma tagħha fl-interess tat-tfal.
20.20 Il-Ministru Helena Dalli qalet li bħal dan iż-żmien sena ilu, l-ex PM Lawrence Gonzi kien qal li fejn tidħol l-addozzjoni, iridu jkunu l-esperti fuq il-bord tal-addozzjonijiet li jiddeċiedu fl-aħjar interess tat-tfal dwar jekk koppja hijiex kompetenti sabiex taddotta tfal jew le. Semmiet kif se jiżdied l-iskrutinju minn dan il-bord fuq kull koppja li tidher quddiemhom. Dr Luciano Busuttil qal li qed jaqbel ma Dr Fenech Adami meta jgħid li l-interess tat-tfal għandu dejjem jiġi l-ewwel, u żied jgħid li jemmen li din it-tip ta' liġi qiegħda hemm verament sabiex tħares l-interess tat-tfal. Dr Busuttil isemmi wkoll ċirkostanzi fejn koppja omosesswali li qed trabbi tifel jew tifla ta' waħda mill-partijiet u jkun hemm separazzjoni, id-drittijiet tal-minuri se jkunu qed jitħarsu wkoll permezz ta' dan l-abbozz.
20.04 Dr Deborah Schembri sostniet li l-Oppożizzjoni ma tafx xi trid jekk mhux qed tgħid 'iva' jew 'le' favur l-addozzjonijiet minn koppji omosesswali. Qalet li fil-kuxjenza ta min għandu verament għal qalbu l-interess tat-tfal, deċiżjoni bħal din għandha titħalla f'idejn il-bord tal-addozzjoni. Tgħid li l-fatturi li ssemmew fir-riċerka li kkwotat fit-tieni laqgħa mill-Prof Angela Abela, għandhom kollha jiġu kkunsidrati mill-bord tal-addozzjonijiet. Dr Schembri qalet li huwa importanti li ma jitħallewx barra minn din il-liġi, koppji etrosesswali li jinsabu f'unjoni ċivili u li jixtiequ jaddottaw it-tfal.
19.57 Dr Beppe Fenech Adami qal li l-artiklu 11 li jittratta l-addozzjonijiet ta' tfal minn koppji omosesswali, għandu jitneħħa għal kollox minn dan l-abbozz ta' liġi. Spjega li l-maġġoranza kbira tal-poplu Malti huwa kontra l-fatt li koppji tal-istess sess jingħataw din il-fakultà. Kompla jgħid li ma hawnx biżżejjed għarfien u studji sabiex is-soċjetà Maltija tagħmel din il-qabża, li titlob deċiżjoni iktar infurmata. Dr Fenech Adami appella lill-gvern sabiex jitħares l-interess tat-tfal għax din il-klawżola m'hijiex fl-interess tagħhom. Huwa fakkar kif ma sar l-ebda studju lokali f'dan ir-rigward, u l-membri parlamentari għandu jkollhom il-kuraġġ li ikunu ċerti u ma jagħmlu ebda pass fid-dlam.
19.46 Dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-imsieħba ċivili kif ukoll dwar il-fatt li koppji f'unjoni ċivili jistgħu iżidu l-kunjom tas-sieħeb l-ieħor, kien hemm qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni.
19.32 Dr Deborah Schembri qalet li l-klawżoli tan-nullità ta' relazzjoni ta' unjoni ċivili għandhom jiġu deċiżi mill-Imħallef li għandu jieħu in kunsiderazzjoni dak li japplika fl-Att dwar iż-Żwieġ.
19.24 Dr Beppe Fenech Adami jgħid li l-liġi kif proposta, tippermetti wkoll xenarju fejn min jaddotta jista' jiżżewweġ lil min jiġi addottat jew jidħol f'unjoni ċivili miegħu. Għal dan, Dr Deborah Schembri staqsiet x'inhi d-differenza għall-Oppożizzjoni bejn raġel u mara li jidħlu f'unjoni ċivili, u ragel u mara li jidħlu fi żwieġ. Sostniet li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni.
19.11 Dr Beppe Fenech Adami qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tinsisti li taħt l-ebda ċirkostanza, persuna taħt l-età ma tista' tidħol f'unjoni ċivili għax dan fi kliemu m'huwiex fl-interess tas-soċjetà. Dr Deborah Schembri wieġbet li bl-istess mod kif jiġri f'każijiet ta' koppji etrosesswali, it-tutur huwa dak li jiddetermina jekk il-minuri għandux jidħol f'unjoni jew le.
19.05 L-Avukat Ġenerali ippreċiża li hemm affarijiet fil-liġi taż-żwieġ li jridu jiġu interpretati mod ieħor sabiex dawn jagħtu l-istess effett lill-unjoni civili li għandu ż-żwieġ.
19.01 Dr Deborah Schembri qalet li n-norma se tkun li unjoni ċivili se tkun reġistrata. L-Avukat Ġenerali qal li għall-validità tal-unjoni ma hemmx bżonn ta' reġistrazzjoni.
18.52 Il-Ministru Helena Dalli bdiet titkellem dwar il-klawżola li titratta addozzjonijiet minn koppji f'unjoni ċivili li għandhom ikunu bħal dawk ta' koppji miżżewġin. Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li biex l-unjoni ċivili tkun valida trid tkun reġistrata u l-Oppożizzjoni qed tisħaq li għandu jkun hemm reġistrazzjoni. Dr Deborah Schembri qalet li qed taqbel li hemm diskrepanza fil-klawżoli bejn il-kliem 'reġistrata' u 'valida'. Dr Luciano Busuttil qal li meta unjoni tkun reġistrata jkollha l-istess effetti li jkun hemm fiż-żwieġ.
18.49 Tingħata bidu għal-laqgħa.
No comments:
Post a Comment