Stefan Pullicino - 18/02/14 05:36 PM
Fil-Parlament illejla tlaqqa' għat-tieni darba l-Kumitat għall-konsiderazzjoni ta’ abbozzi ta’ liġi li iddiskuta l-liġi dwar l-unjoni ċivili.
Is-sessjoni tal-lejla kienet dominata mill-intervent tal-Kap tad-Dipartiment tal-Familja fl-Università ta' Malta il-Prof Angela Abela.
Iż-żewġ rakkomandazzjonijiet ewlenin tagħha ffukaw fuq edukazzjoni akbar dwar koppji omosesswali mis-soċjetà in ġenerali, kif ukoll proċess riġidu ta' screening qabel ma koppja tingħata l-addozzjoni tat-tfal.
Dan huwa rapport kronoloġiku ta' dak li ġara fit-tieni sessjoni ta' dan il-Kumitat:
21.18 Il-kumitat ġie aġġornat.
20.55 Dr Chris Said qal li hemm numru ta' problemi fl-addozzjonijiet preżenti minħabba l-abbozz ta' din il-liġi, partikolarment dawk ta' tfal ġejjin mir-Russja.
20.41 Dr Deborah Schembri qalet li l-problema m'hijiex il-ħsara fuq it-tfal, iżda l-istigma fis-soċjetà Maltija. Dr Beppe Fenech Adami qal li hemm implikazzjonijiet legali u li dwar il-materja hawn kontroversja sħiħa. Intervjena Dr Chris Said li qal li l-Oppożizzjoni hija favur l-unjoni ċivili, iżda l-klawżola dwar l-addozzjoni timmerita iktar diskussjoni u għandha tiġi tkompli diskussa.
20.06 Il-Kummisssarju tat-Tfal Helen d'Amato qalet li llum il-klima f'Malta għadha m'hijiex waħda addattata biex tfal Maltin jiġu addottati minn koppji omosesswali. Helen d'Amato saħqet li l-addozzjoni qiegħda hemm għat-tfal u mhux għall-adulti. Staqsiet jekk hux possibbli li dan l-artiklu tal-addozzjoni jitħalla barra minn din il-liġi.
20.01 Martha Fitz qalet li f'liġi daqstant kritika għall-ħarsien tat-tfal, mhux qed jissemma l-leħen tat-tfal. Qalet li bħala omm, tħoss li l-kultura tal-pajjiż għadha m'hijiex lesta għal bidla bħal din li tippermetti addozzjonijiet minn persuni omosesswali. Hija qalet li qed tippreżenta mill-ġdid ittra b'numru ta' firem minn diversi ommijiet li huma kontra li t-tfal jistgħu jiġu addottatti minn koppji omosesswali. Grupp ta’ ommijiet ippreżentaw ittra lill-Membri Parlamentari, biex iħeġġu lill-Gvern jikkonsulta u jiddiskuti mal-poplu qabel jgħaddi l-liġi. Huma qalu li filwaqt li jirrispettaw il-minoritajiet, iħossu li l-minuri qed jinqabżu.
19.55 Il-psikologu Charles Azzopardi intervjena wkoll f'dan il-kumitat fejn qal li mhux minnu li l-istruttura tal-familja jkollha l-ikbar influwenza fuq it-trobbija tat-tfal. Ikkwota studji li juru kif tfal li jitrawwmu minn koppji omosesswali joħorġu iktar tolleranti lejn persuni oħra. It-tfal l-iktar li jbatu huwa kaġun tal-istigma soċjali fil-konfronti ta' dawn it-tfal. Għalhekk sostna li mal-liġi, irid isir proċess ta' edukazzjoni.
19.48 Tkellmet waħda mill-mistednin Miriam Sciberras li kkwotat studji u riċerki li juru problemi psikoloġiċi u ta' identità li jiżviluppaw tfal li jitrawwmu f'familji omosesswali. L-effetti psikoloġiċi u l-ġenituri bħala role models għat-tfal iridu jitqiesu sew. Sciberras qalet li raġel u mara jrabbu lit-tfal b'mod differenti u li t-tfal għandhom bżonn it-taħlit tal-edukazzjoni li jingħataw minn omm u missier.
19.42 Id-deputat Nazzjonalista Dr Chris Said staqsa jekk ikunx għaqli li jsir studju lokali fil-qafas tas-soċjetà Maltija dwar l-impatt fuq it-tfal ta' addozzjoni minn persuni omosesswali. Għal dan, il-Prof Abela wieġbet li f'Malta għadu qatt ma sar studju xjentifiku ta' dan it-tip. Wara intervent tal-Ministru Helena Dalli, il-Prof Abela wieġbet li illum studju bħal dan fuq tfal addottati minn koppji omosesswali f'Malta ma jistax isir, għax din il-liġi għadha m'hijiex fis-seħħ.
19.37 Dr Deborah Schembri staqsiet lejn liema fatturi jħares Bord tal-Addozzjoni qabel mat-tfal jingħataw għall-addozzjoni. Dr Helena Dalli staqsiet jekk l-orjentazzjoni sesswali tal-ġenituri kienx fattur li jittieħed in konsiderazzjoni f'każijiet ta' addozzjoni. Il-Prof Abela qalet li f'ħafna pajjiżi dan ma kienx fattur li jinfluwenza jekk koppja taddottax tifel jew tifla jew le.
19.26 Il-Prof Abela tgħid li studji jindikaw li hawn 15 -il pajjiż fid-dinja li jippermettu addozzjoni ta' tfal minn koppji omosesswali. Fl-istess waqt hemm 12 -il pajjiż ieħor minn madwar id-dinja li huma riġidi u ma jħallu bl-ebda mod li tfal jitrabbew minn koppji omosesswali.
19.23 Id-deputata Laburista Deborah Schembri staqsiet jekk fis-sitt snin li ilu mwaqqaf id-Dipartiment tal-Familja fl-Università ta' Malta, qattx intalab biex issir riċerka fuq tfal imrobbija minn persuni singles jew koppji ta' razez imħalltin li addottaw tfal. Għal dan, il-Prof Abela wieġbet li d-Dipartiment qatt ma kellu talba ta' dan it-tip.
19.13 Jekk il-klima soċjo-kulturali ikun ġeneralment wieħed ta' appoġġ lejn dawn il-koppji omosesswali, il-Prof Abela qalet li din tħalli impatt fuq il-kwalità tal-kura li jieħdu t-tfal kif ukoll fuq l-istess trobbija tagħhom. Qalet li l-istudji li saru barra minn Malta ma jindikawx differenzi ġenerali bejn tfal imrobbija minn koppji omosesswali u dawk etrosesswali. Hija qalet li jekk ikun hemm ir-riżorsi meħtieġa, jista' anka jsir studju simili fuq bażi lokali ħalli dan ikun iktar rappreżentattiv u qrib tas-soċjetà Maltija.
19.09 Prof Abela saħqet dwar edukazzjoni u għarfien ġenerali akbar fejn tidħol it-trobbija tat-tfal minn koppji omosesswali għax qalet li dan għadu fl-istadju prematur tiegħu. Fl-istess waqt qalet li s-soċjetà Maltija ukoll qed titbiddel. Qalet li parti kbira mis-soċjetà ma tifhmix il-kumplessitajiet ta' dawn is-sitwazzjonijiet. Hi għamlet emfażi kbira fuq il-proċess ta' screening bir-reqqa fejn jidħol il-proċess tal-addozzjoni, mhux biss minn koppji omosesswali iżda anka minn dak ta' koppi etrosesswali.
19.07 Tikkwota wkoll riċerka dwar l-istigma li jgħaddu minnha t-tfal li jkunu qed jitrabbew minn koppji omosesswali.
19.02 Il-Prof Angela Abela tgħid li l-istudji jiffokaw l-iktar fuq il-kwalità ta kif wieħed irabbi, ir-relazzjoni ta' bejn il-ġenituri, u r-rikezza tar-riżorsi ekonomiċi u soċjali tal-familja. Qalet li dawn huma l-elementi li jinfluwenzaw it-trobbija tat-tfal. Tirreferi wkoll għall-benesseri morali tat-tfal, l-imġieba u r-relazzjoni tat-tfal ma sħabhom, jekk it-tfal ikollhomx stima tajba tagħhom infushom, u l-orjentazzjoni sesswali li jagħżlu t-tfal stess ladarba jikbru.
18.55 Il-Prof Angela Abela ippreżentat studju minn istitut awtorevoli fl-Awstralja bit-titlu "Same Sex Parenting Families in Australia" minn Deborah Dempsey. L-istudji dwar koppji omosesswali irġiel huma ħafna inqas mill-istudji li jeżistu dwar koppjinomosessali nisa'. Hija tgħid li dawn il-koppji omosesswali nisa' joffru trobbija kemmxejn aħjar lit-tfal minn dik ta' koppja etrosesswali.
18.48 Il-Kumitat jinfetaħ permezz tad-deputat Laburista Dr Luciano Busuttil, li ntroduċa mal-ewwel lill-Kap tad-Dipartiment tal-Familja fl-Università ta' Malta Angela Abela li qed tippreżenta studji li għandha fuq it-trawwim tat-tfal minn familji etrosesswali u omosesswali. Il-Prof Abela iddeskriviet dan bħala suġġett sensittiv ħafna.
No comments:
Post a Comment