Tuesday, 5 November 2013

iNews Malta: Ġurnata li se tibqa’ miktuba fl-istorja – Muscat

http://www.inewsmalta.com/dart/20131022-urnata-li-se-tibqa-miktuba-fl-istorja-muscat?fb_action_ids=3591023870741&fb_action_types=og.likes&fb_ref=.UmdQjeY1kik.like&fb_source=other_multiline&action_object_map=%7B%223591023870741%22%3A641163042590985%7D&action_type_map=%7B%223591023870741%22%3A%22og.likes%22%7D&action_ref_map=%7B%223591023870741%22%3A%22.UmdQjeY1kik.like%22
22:26 | 22.10.2013



“Illum hi ġurnata importanti mmens li se tibqa’ miktuba fl-istorja.” Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat hekk kif kien qiegħed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti wara li kien għadu ġej mill-Parlament fejn bdiet tiġi diskussa l-liġi dwar l-unjoni ċivili.

Il-Mexxej Laburista qal li dan il-forum kien dejjem benniena għall-ideat azzardati fejn minnhom kien hemm bosta li saru realtà, anke meta l-Partit Laburista kien għadu fl-Oppożizzjoni. Fakkar ukoll kif ftit tax-xhur ilu kien ħeġġiġhom biex jibqgħu jkunu ambizzjużi fl-ideat tagħhom u anke kif dan il-forum kien il-mutur ewlieni li wassal biex sentejn u nofs ilu ddaħħal id-divorzju.

Intant, Muscat irrefera għall-kwistjoni tal-Unjoni Ċivili fejn qal li din setgħet swiet il-voti lill-Partit Laburista iżda xorta m’għamilx kompromessi. Qal ukoll li l-Partit Laburista seta’ għamel bħall-Partit Nazzjonalista li jgħid li jaqbel ma’ din l-unjoni, imma mbagħad irid jagħmel emendi. Għalhekk Muscat staqsa liema mid-drittijiet irid ineħħilhom lill-koppji omosesswali u liema parti mill-ugwaljanza ma jaqbilx magħhom il-Partit Nazzjonalista.

Min-naħa l-oħra, Muscat fakkar kif il-Partit Laburista mill-bidu tiegħu kien jaqbeż għad-drittijiet tal-ugwaljanza u f’diversi żminijiet iġġieled għax kien hemm minn dawn id-drittijiet li ma kinux jingħataw.

Semma wkoll kif bħalissa għaddejja kampanja ta’ biża’ dwar jekk il-koppji omosesswali jkollhom jadottaw. Madankollu, Muscat qal li min isemmi dawn il-beżgħat jidher li mhux qiegħed jgħix fir-realtajiet tal-lum u saħaq li kif inhuma l-liġijiet bħalissa, diġà għandna każi ta’ persuni omosesswali li adottaw tfal. Għalhekk sostna li l-pożizzjoni tiegħu hi li hu jaqbel li jsir dak li hu fl-aħjar interess tat-tfal.

Muscat temm id-diskors tiegħu billi għamel kuraġġ liż-żgħażagħ fil-forum ħalli joħorġu b’aktar ideat innovattivi li jwasslu lil dan il-pajjiż biex ikun vera Ewropew. Irringrazzjahom ukoll li dejjem juru t-triq ’il quddiem.

No comments:

Post a Comment