http://www.orizzont.com.mt/oldarticles/article103987.html
4.4.2013(?) minn Helena Dalli
Mhux dejjem ikun possibbli tinstab soluzzjoni għat-tbatija tan-nies. Ġieli jkun hemm lil hinn mill-kontroll ta’ min qiegħed jipprova jsib soluzzjoni għall-problemi li jkunu qegħdin jikkawżaw it-tbatija. Jistgħu jkunu fatturi naturali, jew fatturi li ġew aċċidentalment jew inkella dawk maħluqin minn oħrajn stess jew miċ-ċirkostanzi.
Ma kienx hekk il-każ ta’ Joanne Cassar, il-persuna transesswali li l-Gvern ta’ qabel ċaħdilha d-dritt li tiżżewweġ. Kulma kien hemm bżonn kienet emenda għall-Att taż-Żwieġ. Però dan kien ħafna għall-Gvern Nazzjonalista. Meta l-Qorti tat raġun lil Joanne, minflok emenda l-liġi, il-Gvern appella.
U allura Joanne kellha terġa’ tidħol fl-ispejjeż legali u tagħmel l-isforz u tirrikorri għall-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. L-ispejjeż li daħlet fihom huma kbar, però mhuma xejn ħdejn it-tbatija, l-uġigħ u l-umiljazzjoni li kellha tgħaddi minnhom għal ħafna snin.
Dan kien il-Gvern Nazzjonalista. Għażel li jgħaddi persuna, bħali u bħalek, minn martirju sħiħ minflok offra s-soluzzjoni li bħala Gvern seta’ jagħti; li kellu l-poter jagħti.
Minkejja li Joanne ngħatat raġun, darbtejn, il-Gvern ma riedx jaċċetta s-sitwazzjoni. U hawnhekk bħala politiċi nkunu qegħdin nonqsu. Ix-xogħol tagħna fil-politika huwa li mmexxu l-pajjiż ’l quddiem u ntejbu l-ħajja tan-nies.
Meta ma nbidlux affarijiet – li għandna kontroll fuqhom – li jkunu qegħdin jikkawżaw il-problemi, inkunu qegħdin nonqsu milli nagħmlu dak li hu mistenni minna.
Kemm ikun aħjar li minflok nikkundannaw u nħarsu lejn sitwazzjonijiet bi preġudizzju, nipprovaw nifhmu l-qagħda li tkun fiha l-persuna li għandha problema li nistgħu b’xi mod intaffuha. Kemm ikun aħjar li nipprovaw nidħlu fiż-żarbun tagħha u mqar nimxu żewġ passi bih. Kemm ikun aħjar li kieku minflok nagħtuha daharna, nagħtuha spalla, u nistaqsu jekk konniex nagħtu aktar każ u nipprovaw insibu soluzzjoni li kieku dik il-persuna kienet oħti jew binti.
Biex Joanne tieħu r-raġun li ħaqqha – li wara kollox diġà ngħatat darbtejn – u biex ma tkomplix għaddejja tonfoq il-flus u tumilja ruħha, il-Gvern il-ġdid għamel dak li seta’ jagħmel biex din l-istorja kerha tieqaf hawn.
L-emendi għal-Liġi taż-Żwieġ se jitpoġġew fuq l-aġenda tax-xogħol parlamentari minnfih. Joanne se jkollha d-dritt li tiżżewweġ. Però, ovvjament din il-bidla teknika hija qatra fl-oċean.
Hemm ħafna x’irridu nagħmlu biex inbiddlu l-kultura tagħna dwar kif inħarsu lejn nies li jgħixu realtajiet oħrajn. Hemm bżonn li nifhmu aktar, hemm bżonn li nbiddlu l-attitudni. Veru ma kellniex eżempju tajjeb. Għax meta l-Gvern jimxi bil-mod kif mexa ma’ Joanne, qiegħed jagħti s-sinjal li ma jimportax li niddiskriminaw kontra persuna li għandu jkollha d-drittijiet umani kif għandu kull bniedem ieħor.
Għalhekk kien importanti li nagħtu s-sinjal. Apparti li ma kienx ikun tajjeb li pajjiżna jitlef din il-kawża fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, kien importanti li, mill-bidu, dak li wegħedna, per eżempju fejn jidħlu drittijiet ta’ minoranzi, nibdew inwettquh minnufih. Li dak li nistgħu nagħmlu biex intejbu l-ħajja tan-nies, se nkunu qegħdin nagħmluh. Għamilnih għax dak huwa l-obbligu u d-dover tagħna.
Kien ilu jsir ħafna diskussjoni u diskors. Aktar ma sar diskors, aktar kien hemm min qiegħed iweġġa’ u minflok soluzzjoni konna qegħdin naraw prokrastinazzjoni u nuqqas ta’ rieda li l-affarijiet isiru fl-interess ta’ minoranza.
Forsi l-Gvern ma ddejjaqx jieħu l-attitudni li ħa għax kienet kwestjoni li tirrigwarda minoranza. Anke jekk tkun minoranza ta’ persuna waħda, jekk nistgħu nieħdu deċiżjoni u azzjoni li din se ttejbilha ħajjitha, għandna neħduha.
No comments:
Post a Comment