http://www.inewsmalta.com/dart/20141025-persuna-transesswali-fil-konvenzjoni-tal-pn-astensjoni-ra-mhix-la
Albert Gauci Cunningham | 12:52 | 25.10.2014
Waqt il-Konvenzjoni tal-Partit Nazzjonalista li kompliet dalgħodu, Alex Mangion, persuna transgender, wera t-tama li fl-Att dwar il-Ġeneru (Gender Identity Bill) li se jkun qed jitressaq għall-vot fil-Parlament, il-PN ma jerġax jastjeni, bħalma għamel fil-vot dwar l-Unjoni Ċivili. “Jien tad-demm u l-laħam. Meta tiġi l-Gender Identity Bill, astensjoni oħra mhix għażla,” sostna Mangion.
Huwa spjega kemm kien ibbuljat fl-iskola u kemm kellu problemi kull darba li seta' kellu bżonn affarijiet mill-aktar bażiċi. Kompla jgħid li bl-Att dwar il-Ġeneru “ħajjitna tinbidel għax ma jkollniex għalfejn nistaħbew. Jien ma tlabtx biex insir hekk; in-natura għamltini hekk. Kunu konxji minnha u nitlobkom li tifmhuna biex ngħixu ħajja aħjar. Ninsab ċert li se tgħinu biex ikollna drittijiet aħjar,” temm jgħid Mangion għall-aprovazzjoni ta’ dawk preżenti.
F’intervent ieħor li sar dwar l-ugwaljanzi, il-Viċi Dekan tal-Fakultà tas-Tisħiħ fis-Soċjetà, Jacqueline Azzopardi, sostniet li “m’għandna niġġudikaw lil ħadd” u tkellmet diversi drabi dwar is-separazzjoni tal-Istat u l-Knisja. "X’nixtieq mill-PN?" staqsiet Azzopardi. “Li l-partit jiftaħ għajnejh għar-realtajiet tal-lum. Ma nistennewx li l-Knisja taġġorna l-pożizzjoni tagħha biex naġġornaw tagħna. Tafu kemm hawn nies fil-PN stess li huma omosesswali?” staqsiet Azzopardi. “X’nixtieq? Li l-PN ikun il-bidla u l-katalista fil-pajjiż.”
Meta tkellmet waqt l-istess konvenzjoni Amy Zahra qalet li kien l-obbligu tagħha li tagħti sehemha f’dan is-settur. Filwaqt li fakkret fil-50 sena anniversarju minn meta Malta saret indipendenti, fakkret ukoll kif sa 50 sena ilu persuni b’diżabilità ftit li xejn kienu jidhru fis-soċjetà u li kien għad hemm il-fehma li persuna b’diżabilità ma kellha l-ebda valur. Zahra qalet li fortunatament din bdiet tinbidel grazzi għall-Knisja, primarjament, kif ukoll għall-PN, li waqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità (KNPD) li permezz tiegħu l-pajjiż beda jitkellem dejjem aktar dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.
Hija kompliet tgħid li għad fadal ħafna xi jsir fid-dawl ta’ ostakli kbar u sfidi li jiltaqgħu magħhom persuni li jiffaċċjaw xi forma ta’ diżabilità f’ħajjithom. “Persuna b’diżabilità għandha d-dritt ta’ familja u d-dritt li ssemma' leħinha. Biex min qiegħed fil-periferija tas-soċjetà jsir parti integrali minnha,” kompliet tgħid Zahra, filwaqt li ħeġġet lill-PN biex isaħħaħ il-politika tiegħu favur persuni b’diżabilità.
Noami Bugre tkellmet dwar l-importanza ta’ soċjetà aktar multikulturali u l-importanza li d-differenzi kulturali jkunu ċċelebrati kemm fl-użanzi kif ukoll fl-istil ta’ ħajja, l-ikel u fl-edukazzjoni. Dwar dan l-aħħar punt Bugre qalet li meta l-kulturi jingħaqdu “toħoloq sens ta’ unità".
No comments:
Post a Comment