Wednesday 11 March 2009

Press Release: Taħt Pjattaforma Soċjali ngħelbu l-isfidi

Stqarrija maħruga minn Claudette Abela Baldacchino membru tal-Grupp Soċjalista fil-Kumitat tar-Reġjuni; 11 ta’ Marzu 2009

"Ilkoll flimkien taħt pjattaforma soċjali nistgħu ndawwru l-isfidi tagħna f`opportunitajiet u ngħaddu mill-prinċipji għall-prattika favur għixien ta’ ħajja aħjar.” Hekk sostniet Claudette Abela Baldacchino Membru tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea f'laqgħa mal-uffiċjali tal-Malta Gay Rigħts Movement fil-Mosta.

Tul il-laqgħa Abela Baldacchino ppreżentat l-abbozz tar-rapport mħejji minnha kontra kull forma ta' diskriminazzjoni dwar id-direttiva u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea liema rapport għandu jgħaddi għal vot fil-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Soċjali fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni tal-UE f'April li ġej.

Abela Baldacchino żiedet tgħid li kull persuna għandha dritt li tgħix aħjar u li tiġi trattata b’dinjita u ugwaljanza kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll il-barra minnu.
Huwa għalhekk li biex ngħelbu l-isfidi fost l-oħrajn ta' l-esklużjoni soċjali, tal-faqar u l-preġudizzji rridu naħdmu lkoll flimkien għal għan wieħed, dak li kull persuna tkun fil-qofol ta' kull deċiżjoni li tittieħed biex hekk inħarsu u ntejbu b'ġustizzja l-livell ta' l-għixien ta' kulħadd.

Fir-rapport tagħha lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea Abela Baldacchino jappella għat-tisħiħ tal-liġijiet, għal strumenti effettivi u għal ħolqien ta' strutturi aħjar biex kull persuna tingħata d-dinjita li jixirqilha.

Abela Baldacchino, saħqet dwar it-twemmin tagħha f’Ewropa Soċjali fejn in-nies tassew jiġu l-ewwel u sostniet li bħal ma qed tagħmel mill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropeja hekk ukoll mill-Parlament Ewropew trid tkun il-vuċi tal-poplu kollu, inkluz il-minoranzi.

Claudette Abela Baldacchino
Membru tal-Grupp Soċjalista fil-Kumitat tar-Regjuni

No comments:

Post a Comment