Bernard Muscat, Malta Gay Rights Movement, Mosta
29 ta' Ġunju 2008 Nr 87
Fl-artiklu tiegħu tal-Ħadd 22 ta' Ġunju, Kurt Sansone kiteb li
"Għall-maġġoranza kbira tan-nies iż-żwieġ hu msejjes fuq il-kunċett
reliġjuż ta' għaqda bejn mara u raġel." Sfortunatament, iva: ħafna
nies għadhom jassoċjaw iż-żwieġ ma' kunċett strettament reliġjuż.
Iżda l-prattika li żewġ persuni jingħaqdu f'relazzjoni bejniethom ġiet
qabel kull forma ta' żwieġ reliġjuż. Iż-żwieġ hu qabel kollox
istituzzjoni soċjali li tagħti rikonoxximent legali lil żewġ persuni
li jinħabbu u jixtiequ li l-unjoni tagħhom tkun rikonoxxuta
mill-istat. Bis-sitwazzjoni preżenti f'Malta, ħafna koppji gay jgħixu
flimkien u jqattgħu ħajjithom flimkien bħalma jagħmlu koppji
eterosesswali, però mingħajr ir-rikonoxximent ta' l-istat.
Għall-istat, dik l-unjoni qisha ma teżistix – iż-żewġ persuni li
jiffurmaw dik il-koppja ma' huma xejn ħlief żewġt iħbieb li jiddeċiedu
li jikkoabitaw.
Ħafna jibżgħu li l-għotja tad-dritt taż-żwieġ għal koppji ta' l-istess
sess b'xi mod se tirriforma ż-żwieġ ta' persuni eterosesswali. Din
m'hi xejn ħlief ħrafa. Fil-pajjiżi fejn ġie rikonuxxut id-dritt ta'
koppji gay li jiżżewġu, koppji oħrajn eterosesswali bl-ebda mod ma
sofrew tnaqqis fil-validita` taż-żwieġ tagħhom! Huma sempliċement
koppji gay li jingħataw drittijiet ugwali ta' koppji straight u
filwaqt li għall-koppji straight ma jkun hemm assolutament l-ebda
differenza, għall-koppji gay tagħmel differenza enormi għaliex
fl-aħħar ir-relazzjoni tagħhom ma tibqax waħda anonima u ineżistenti
iżda tkun rikoxxuta mill-istat bl-istess validità ta' dik ta' kull
koppja oħra.
Koppji gay li jixtiequ jingħaqdu fi żwieġ ċivili ma jixtiequ xejn
iktar minn dak li jgawdu minnu koppji straight – iridu biss aċċess
għall-istess istituzzjoni u għall-istess drittijiet u obbligi. F'kelma
waħda, iridu l-ugwaljanza.
Ma ninsewx li sa 50 sena ilu kien hemm argumenti qawwija fl-Amerka
rigward id-drittijiet ta' koppji ffurmati minn żewġ persuni ta' razez
differenti li xtaqu jingħaqdu fiż-żwieġ.
Kien hemm argumenti li jekk jitħalla żwieġ bejn mara sewda u raġel
abjad, jew mara bajda u raġel iswed, allura jkunu qed jinfetħu
l-bibien għal kull forma ta' ħsibijiet strambi u l-legalizazzjoni ta'
atti bħall-inċest, il-bestjalità u l-istupru, u argumenti oħra li
familja interrazzjali ma setgħetx possibbilment tipprovdi ambjent ta'
familja b'saħħitha daqs koppji oħra.
Wara snin twal ta' battalji legali, fl-1967 il-Qorti Suprema Amerikana
ddeċidiet li dawn m'huma xejn ħlief ħrejjef frott il-biża' u
l-injoranza ta' ċerti nies u llum koppji interrazzjali jistgħu
jissieħbu fiż-żwieġ bħal kull koppja oħra. Imma wara kemm battalji u
wara kemm taqtigħ il-qalb!
L-istess argumenti qed jerġgħu jinbtu llum għar-rikonoxximent ta'
l-unjonijiet bejn persuni ta' l-istess sess. Però jekk inħarsu lejn
il-pajjiżi li llegalizzaw iż-żwiġijiet bejn persuni ta' l-istess sess
– il-Belġju, l-Olanda, Spanja, is-Sud Afrika, il-Kanada u l-istat ta'
Massachussetts, u reċentament in-Norveġja u l-istat ta' California – u
l-ħafna pajjiżi oħrajn fejn koppji gay ingħataw għallinqas
rikonoxximent legali ieħor, insibu li xejn straordinarju ma ġara
f'dawn il-pajjiżi.
It-tama tagħna hi li sa ftit snin oħra din l-għagħa esaġerata dwar
koppji taż-żwieġ ta' koppji ta' l-istess sess tkun battiet, u iktar u
iktar nies jaslu għar-realizzazzjoni li din mhix xi ħaġa straordinarja
iżda sempliċement dritt ta' kull persuna li tissieħeb mal-persuna li
tħobb: u dritt li għal ħafna u ħafna snin kien miċħud għall-koppji gay
minħabba argumenti li llum huma fil-passat.
Aħna konvinti li meta n-nies iħarsu lura fi żmien ftit snin jibdew
jirrealizzaw li ma kien hemm xejn biex wieħed jistgħaġeb u li l-għagħa
kollha li nħolqot dwar xi ħaġa daqshekk sempliċi u sabiħa
bħall-imħabba li żewġ persuni jħossu għal xulxin kienet biss frott
in-nuqqas ta' għarfien ta' ċerti nies dwar is-suġġett.
No comments:
Post a Comment