http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=102095.9.10 minn
Maria Borg VellaIl-maġġoranza tagħna rridu nammettu li xi darba għedna jew dħakna ma’ xi ċajta dwar il-omosesswali. Forsi għax konna naħsbu li l-omosesswali mhumiex normali (nispera li m’għadkomx) jew għax niddejqu nsikktu lil min jiċċajta goff dwar din il-komunità. Inzertajt preżenti fejn ċajt fuq l-omosesswali ntqal quddiem it-tfal. Hija ironika kif il-familji Maltin jgħallmu lit-tfal iħobbu l-proxxmu imma fl-istess ħin jitkellmu b’dan il-mod quddiemhom.
Meta jien u r-raġel ngħaddu mit-toroq tar-raħal inżommu idejn xulxin, spiss niltaqgħu ma’ qraba u ħbieb li jidħkulna u jgħidulna li qisna għadna miżżewġin friski. Jiggustawna nsomma.
X’nagħmlu aħna meta naraw koppja omosesswali jżommu idejn xulxin? Jew jitbewsu? Nitfixklu? Niġbdu lit-tfal biex ma jħarsux? Niddarsu? Ngħidu jaqq? Ma niddejqu xejn u nkomplu għaddejjin?
Il-koppji omosesswali fil-pubblikuFi stħarriġ ikkummissjonat mill-MGRM (Malta Gay Rights Movement), jirriżulta li l-Maltin ikollhom reazzjoni negattiva ħafna, saħansitra vjolenti. Ħafna persuni lesbjani u omosesswali kellhom esperjenzi xejn sbieħ meta ħarġu flimkien mas-sieħeb jew sieħba tagħhom bħala koppja. Persuna lesbjana rrakkuntat kif “f’Paceville gruppi ta’ rġiel kienu jiġu ħdejja u s-sieħba tiegħi jinkuna u jippruvaw jikkonvinċuna biex nippruvaw noħorġu ma’ raġel. Dan ġara aktar minn darba. L-istess jiġri fejn il-baħar.”
Raġel omosesswali rrakkonta kif “raġel kien għaddej bil-kelb. Rana u beda jgħajjarna u jgħid li jmisshom jaħarquna kollha. Meta weġibtu, resaq lejn il-karozza u ta daqqa fuq il-bonnet. Bdejt nibża’ noħroġ, speċjalment fl-istess post. Kelli mmur għall-counselling għax kelli ħolm ikrah wara din l-esperjenza, u dejjem naħseb li kieku ma konniex f’post pubbliku kien jagħmel agħar.”
Mara bisesswali ta’ bejn it-18 u l-25 sena qalet li “…jien u s-sieħba tiegħi nippruvaw ma nżommux idejn xulxin aktar fil-pubbliku – u jekk nagħmlu hekk nitilquhom jekk naraw lil xi ħadd qed iħares lejna… inkunu nervużi ħafna f’postijiet pubbliċi. Nibżgħu li jiġi xi ħadd warajna bħalma ġralna l-Imdina... raġel baqa’ jiġri warajna, u tant ippruvajna neħilsu minnu li spiċċajna ntlifna fit-toroq dojoq, u peress li laħaq dalam ma kienet esperjenza xejn sabiħa.”
... ir-risposta tal-komunità omosesswaliTkellmet Paola Concia dwar din il-problema, deputata Taljana mal-Partit Demokratiku, li qiegħda tippjana ġurnata fejn koppji omosesswali joħorġu jitbewsu fil-pubbliku. Concia diġà organizzat attività bħal din, ‘Many Kisses Against Intolerance’, fejn madwar mitt koppja tbewsu fuq xtajta fl-Italja. Concia tgħid li din hija r-risposta tal-komunità omosesswali għall-fatt li f’ħafna bliet u rħula l-awtoritajiet lokali u anke l-pulizija qalu lil persuni omosesswali u lesbjani li ma jistgħux jitbewsu fit-triq.
Il-liġi u l-omosesswalità fil-pubblikuF’Malta s-sitwazzjoni tidher li hija konfuża, b’mod partikolari bil-mod kif jaġixxu l-pulizija. It-TORĊA kellha rapporti minn persuni omosesswali u lesbjani li kienu avviċinati mill-pulizija biex jieqfu jitbewsu jew imorru f’postijiet fejn ma jagħtux fil-għajn. It-Torċa investigat ma’ diversi għases dwar dan il-fatt billi staqsiet x’pożizzjoni jieħdu f’każ ta’ rapport ta’ persuni omosesswali li jkunu qegħdin jitbewsu fil-pubbliku.
Fl-għassa ta’
Ħal Qormi l-uffiċjal li wieġeb it-telefonata qalilna li meta jkun hemm rapport bħal dan, huma jmorru fuq il-post minnufih.
Emfasizza li r-rapport għandu jsir mill-ewwel biex il-koppja jinqabdu fuq il-post.Mill-għassa tal-
Belt Valletta, qalulna li normalment ma jidħlux f’każi bħal dawn. Biss f’każ ta’ rapport ta’ omosesswali jitbewsu f’post fejn ikun hemm it-tfal il-pulizija qalulna li jmorru fuq il-post u jippruvaw ikellmuhom biex jieqfu jew imorru x’imkien ieħor. Komplew li din mhix ħaġa faċli minħabba kwistonijiet ta’ drittijiet umani.
Mill-għassa taż-
Żejtun, l-uffiċjal qalilna li f’każ ta’ mara u raġel jitbewsu l-pulizija ma tidħolx u għalhekk jaħseb li lanqas f’każ ta’ koppja omosesswali m’għandhom jidħlu. Biss qalilna li fejn jidħlu l-koppji omosesswali qiegħed f’diffikultà għax jifhem li l-bews kemm għall-omosesswali kif ukoll għall-koppji eterosesswali huwa parti mill-ħajja. Emfasizza li f’każ ta’ rapport fuq omosesswali ma jafx x’jaqbad jagħmel. Qalilna li l-aħjar isir rapport uffiċjali lill-pulizija biex jaraw x’jiġri f’sitwazzjonijiet bħal dawn.
Mill-għassa ta’
San Pawl il-Baħar qalulna li jippruvaw ikel-lmuhom bil-kelma t-tajba biex iwarrbu minn postijiet pubbliċi.
Jidher għalhekk li l-pulizija m’għandhiex regoli speċifiċi dwar kif timxi meta jidħol rapport fuq koppji omosesswali. Jidher li l-pulizija m’għandhom l-ebda dubju x’jagħmlu f’każ ta’ koppja eterosesswali, għax fi kliem l-istess pulizija, ħadd ma jċempel jirraporta lil dawn jitbewsu. Fil-każ ta’ koppji omosesswali jidher li hija differenti għax diversi għases ikunu lesti li joħorġu jkellmu lil dawn il-koppji u jintervjenu biex iċaqilquhom minn fuq il-post. Għaldaqstant, jidher li l-pulizija għandhom bżonn taħriġ u linji gwida dwar din il-materja biex tonqos il-konfużjoni u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni ‘gay’.
L-għoti tad-demmSa ftit ilu l-Bank tad-Demm ma kienx jaċċetta donazzjoni ta’ demm mingħand persuni lesbjani, omosesswali u bisesswali. Inġibdet l-attenzjoni dwar dan il-fatt u minn dakinhar donaturi lesbjani bdew ikunu aċċettati. Madankollu rġiel omosesswali u bisesswali għadhom ma jistgħux jagħtu demm. Din hija deċiżjoni diskriminatorja għall-fatt li qegħdin jassumu li rġiel omosesswali u bisesswali jkollhom relazzjonijiet sesswali frekwenti u mingħajr prekawzjoni.
Il-Bank tad-Demm donnu qed jinsa li ħafna persuni eterosesswali wkoll jista’ jkollhom ħajja sesswali li tpoġġi fil-periklu s-saħħa sesswali tagħhom. Għalhekk għandha ssir kampanja biex id-donaturi tad-demm ikunu responsabbli, huma ta’ liema orjentazzjoni huma. Issir ukoll kampanja biex min iwieġeb kwestjonarju f’dan ir-rigward qabel jagħti d-demm ikun sinċier kemm jista’ jkun u b’hekk jevita li jpoġġi l-ħajja ta’ ħaddieħor fil-periklu.
Raġel omosesswali li kien ikkwotat fl-istħarriġ tal-MGRM saħaq li kien jagħmel donazzjoni ta’ demm fl-imgħoddi. “Meta sibt il-kuraġġ li ngħid min jien, il-Bank tad-Demm għalaqli l-bibien għax jien omosesswali. Sal-lum il-ġurnata ismi għadu ‘blacklisted’ mal-Bank tad-Demm u nkun ferħan ħafna jekk dan jinbidel.”
Poloz tas-sigurtà fuq il-ħajjaSorprendenti l-fatt kif irġiel omosesswali ntalbu aktar flus fuq polza tas-sigurtà tal-ħajja minkejja li l-eżami mediku wera li kienu b’saħħithom. Raġel omosesswali jirrakkonta:
“Ħadt polza tas-sigurtà fuq il-ħajja minħabba dejn fuq id-dar. Intlabt €200 u ħallast mill-ewwel. Qabel ħadt il-polza kont mibgħut għand it-tabib għat-testijiet mediċi u dan staqsieni għal aktar minn darba jekk iniex omosesswali. Jien weġibt fin-negattiv għax ħassejt li ma kienx hemm raġuni għaliex għandu jistaqsi. It-testijiet kienu kollha tajbin.
“Madwar sitt ġimgħat wara, meta kelli niffirma l-kuntratt biex nixtri d-dar, irċevejt telefonata biex tinfurmani li kont għadni ma ħallastx il-polza. Sibt l-irċevuta ta’ €200 li ħallast u wrejthielhom. Meta talbuni €350 oħra, staqsejt ir-raġuni u ħadd ma weġibni. Ma kienx hemm triq oħra ħlief li nħallas din is-somma minħabba li kelli niffirma l-kuntratt dakinhar stess. Meta staqsejt lil xi persuni li kont naf, qaluli li dawk li huma omosesswali jew ikunu susspettati tali, jintalbu jħallsu aktar.”
L-istituzzjonijiet reliġjużi u persuni LGBTFl-istħarriġ tal-MGRM, 20% ta’ dawk li qalu li huma jew xi darba kienu Kattoliċi komplew li issa ma tantx għadhom prat-tikanti minħabba l-attitudni tal-Knisja lejn persuni LGB.
Ftit aktar minn nofs qalu li ilhom sentejn ma jkollhom kuntatt dirett ma’ rappreżentant tal-istituzzjonijiet reliġjużi li jattendu u dejjem ħbew l-orjentazzjoni sesswali. Minn dawk li qalu li fetħu qalbhom, 45.5% ħassewhom diskriminati.
Persuna lesbjana u oħra bisesswali qalu li l-qassis irrifjuta li jagħtihom l-assuluzzjoni. Raġel omosesswali ta’ bejn it-18 u l-25 sena ma tħalliex jitqarben quddiem knisja sħiħa fejn wara sar jaf li dan ġara għax hu omosesswali. Raġel ieħor omosesswali jistqarr li l-arċipriet qallu li sejjer l-infern għax hu omosesswali.
Interessanti kien kumment ta’ persuna lesbjana fl-istess stħarriġ li qalet: “Matul laqgħa uffiċjali mal-Arċisqof, persuna qrib tiegħu ħafna baqa’ jinsisti li r-relazzjoni mas-sieħba tiegħi mhix ġejja minn affettività ġenwina u jekk l-Istat jagħtina d-dritt li ngħixu bħala koppja bid-drittijiet u l-obbligi kollha, il-Knisja toġġezzjona għax dan ikun ifisser li l-Istat jafna bħala koppja u wieħed mid-drittijiet ikun żwieġ.”
Fuq il-post tax-xogħolMinkejja li d-diskrimi-nazzjoni fuq il-post tax-xogħol minħabba orjentazzjoni ses-swali ma tistax issir skont il-liġi Maltija, 13.4% kienu diskriminati fuq il-post tax-xogħol.
Persuna lesbjana li kie-net taħdem f’restorant irrakkuntat kif klijenti kienu jirrufjutaw li jidħlu minħabba li hi kienet taħdem hemm.
Waqt li l-kuntratt ta’ mara lesbjana oħra ma kienx imġedded biex ikun “evitat l-inkwiet”. Bħalha kien hemm erba’ impjegati oħra li kollha nzertaw omosesswali jew lesbjani! Mara transesswali ngħatat xogħol fil-kostruz-zjoni għax għall-ETC baqgħet raġel!
… u aktar fattiSkont dan ir-rapport 53.3% ta’ dawk li rrispondew għall-istħarriġ ta’ MGRM u li huma taħt it-18-il sena sofrew abbuż psikoloġiku minn sħabhom tal-iskola minn tal-anqas tliet darbiet.
8% qalu li kienu vittmi ta’ vjolenza fiżika, 34% sofrew abbuż psikoloġiku, 11.3% ingħataw fastidju f’istituzzjoni edukattiva, 5.6% kienu rifjutati impjieg, 1.8% kienu rifjutati promozzjoni, 10% sabu problemi biex jikru jew jixtru proprjetà meta ma ħbewx l-orjentazzjoni sesswali, 45.5% ħassew li kienu diskriminati minn organizzazzjoni ta’ fidi, u 74% qalu li jekk jistgħu jemigraw. Tagħtihom tort?